search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: Art. 99 cercato: 'tissottometti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 99

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016.

(4)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u l-moviment liberu ta' dik id-data u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ara l-paġna 89 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)( ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(9)  Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(11)  Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p.1).

(14)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p.90).

(15)  Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158 27.5.2014, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(17)  ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.

(18)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p.37).

(19)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(20)  Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(21)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

Artikolu 56

Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.   Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.

Artikolu 60

Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra

1.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'konformità ma' dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2.   L-awtorità superviżorja ewlenija tista' titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista' twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b'mod partikolari għat-twettiq ta' investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.   Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'perijodu ta' żmien ta' erba' ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta' deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta' deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f'perijodu ta' żmien ta' ġimagħtejn.

6.   Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta' deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma' dak l-abbozz ta' deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8.   B'deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b'din.

9.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta' lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta' dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna azzjonijiet b'rabta mal-kontrollur, għandha tinnotifikaha lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu u għandha tinforma lill-ilmentatur b'dan, waqt li l-awtorità superviżorja tal-ilmentatur għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna t-twarrib jew iċ-ċaħda ta' dak l-ilment, u għandha tinnotifikaha lil dak l-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur jew il-proċessur b'dan.

10.   Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11.   Fejn, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta' suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

12.   L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa taħt dan l-Artikolu lil xulxin b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.

Artikolu 97

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-25 ta' Mejju 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament ta':

(a)

il-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament u deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

il-Kapitolu VII dwar kooperazzjoni u konsistenza.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi tieħu kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.

Artikolu 98

Rieżami ta' atti legali oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data

Il-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, tissottometti proposti leġiżlattivi bil-ħsieb li jiġu emendati atti legali oħra tal-Unjoni għall-protezzjoni ta' data personali, sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi u konsistenti ta' persuni fiżiċi individwi fir-rigward tal-ipproċessar. Dan għandu jikkonċerna b'mod partikolari r-regoli relatati mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data.


whereas

dal 2004 diritto e informatica